Kundizzjonijiet tal-użu ta’ MAKE.ORG

- bid-data tat-30 ta’ Ottubru 2017 -

Make.org hija organizzazzjoni indipendenti minn kwalunkwe partit li tippubblika sit web b’servizzi miftuħa għall-pubbliku.


Biex tagħmel dan, din tippermetti li l-Utenti jressqu l-Proposti tagħhom fuq is-sit. L-Utenti l-oħra li jkunu jixtiequ jagħmlu dan jistgħu mbagħad jikkummentaw u jivvotaw dwar dawn il-Proposti sabiex jappoġġawhom, bil-għan li jiġu esposti fis-soċjetà riflessjonijiet rigward kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikulari fi kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, ċiviċi u soċjali. Dawn ir-riflessjonijiet imbagħad ikunu jistgħu jgħaddu f’idejn is-sħab ta’ Make.org li ser jgħinu biex dawn isiru konkreti u jitwettqu.

1. L-GĦAN TAS-SERVIZZ

Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tfasslu bil-għan li jiddefinixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tas-servizzi offruti fuq Make.org (minn hawn ’il quddiem: is-“Servizzi”), kif ukoll li jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet f’dan ir-rigward.


Dawn jistgħu jinqraw u jiġu stampati fi kwalunkwe ħin permezz ta’ ħolqa diretta fil-qiegħ tal-paġna ewlenija tas-sit.


Dawn jistgħu jiġu supplimentati, fejn xieraq, b’kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi għal ċerti Servizzi, jew b’kundizzjonijiet ta’ użu partikulari għal ċerti utenti speċifiċi. F’każ ta’ kontradizzjoni, il-kundizzjonijiet speċifiċi jieħdu preċedenza fuq il-kundizzjonijiet ġenerali.

2. L-OPERATURI TAS-SIT WEB U TAS-SERVIZZI

Is-Sit Web u s-Servizzi (jew kollettivament “is-Servizzi”) huma operati mill-kumpanija Make.org, li hija Kumpanija Ssimplifikata b’Ishma Konġunti b’kapital ta’ EUR 1000, bis-sede tagħha rreġistrata fl-indirizz 4, rue René Villermé, 75011, PARIS, irreġistrata fl-RCS ta’ PARIĠI bin-numru 820 016 095 (minn hawn ’il quddiem “Make.org”).

3. L-AĊĊESS GĦAS-SIT WEB U GĦAS-SERVIZZI

L-aċċess għas-Sit Web u għas-Servizzi huwa bla ħlas.


L-aċċess huwa miftuħ iżda soġġett għar-restrizzjonijiet imsemmija fis-sit:


għal kull persuna fiżika li jkollha l-kapaċità ġuridika sħiħa li tintrabat skont dawn il-kundizzjonijiet ġenerali. Persuna fiżika li ma jkollhiex il-kapaċità ġuridika sħiħa tista’ taċċessa is-Sit u s-Servizzi biss bil-kunsens tar-rappreżentant legali tiegħu jew tagħha,

għal kwalunkwe persuna minuri li jkollha l-awtorizzazzjoni tar-rappreżentanti legali tagħha u li tkun taħt il-kontroll tagħhom,

għal kwalunkwe persuna ġuridika li taġixxi permezz ta’ persuna fiżika li jkollha l-kapaċità ġuridika li tikkuntratta f’isem il-persuna ġuridika.


4. L-AĊĊETTAZZJONI TAL-KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI

Dawn il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Użu (minn hawn ’il quddiem “KĠU”) tfasslu bil-għan li jiddefinixxu t-termini li taħthom l-Utent jista’ jaċċessa u juża s-Servizzi. Dawn jikkostitwixxu kuntratt bejn Make.org u l-Utenti tas-Servizz. Dawn jikkanċellaw u jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet preċedenti kollha u jikkostitwixxu d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet. Il-KĠU jiġu kkomunikati lil kull Utent li jaqrahom.


L-użu tas-Servizz jimplika l-aċċettazzjoni sħiħa u mingħajr riżervi ta’ dawn il-KĠU. In-nuqqas ta’ aċċettazzjoni jimplika r-rinunzja għall-użu tiegħu.


L-użu tas-Servizz jimplika wkoll l-aċċettazzjoni sħiħa u mingħajr riżervi tal-Politika dwar l-Użu tad-Data ta’ Make.org li tifforma parti integrali minn dawn il-KUĠ u tinsab disponibbli hawnhekk.


Dawn il-KĠU jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż minn Make.org. Kwalunkwe bidla tidħol fis-seħħ minnufih malli tiġi ppubblikata l-verżjoni l-ġdida tal-KĠU fuq is-Sit. Għalhekk qegħdin nistiednu lill-Utent biex jikkonsulta b’mod regolari l-aħħar verżjoni tal-KĠU fuq is-Sit. Fin-nuqqas ta’ dan, jitqies li tkun ġiet aċċettata mingħajr riżervi l-verżjoni l-ġdida tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Użu.

5.0 L-UŻU TAS-SIT WEB

5.1 L-aċċess għas-sit web

Is-sit web huwa miftuħ għall-pubbliku u l-Utenti kollha jistgħu jżuruh u jivvotaw dwar il-Proposti.


5.2 L-Utenti Rreġistrati

L-Utenti kollha jistgħu jivvotaw fuq is-sit, iżda l-Utenti Rreġistrati biss jistgħu jressqu Proposti tas-Soċjetà Ċivili. Għaldaqstant, dawk li jixtiequ jagħmlu dan jistgħu jirreġistraw fuq is-sit billi jimlew il-formola pprovduta għal din il-fini. Imbagħad ikun jenħtieġ li jipprovdu d-dettalji kollha mmarkati bħala obbligatorji. Kull reġistrazzjoni mhux kompluta ma tiġix vvalidata.


L-Utenti Rreġistrati fuq is-sit huma ddefiniti speċifikament bħala “L-Utenti Rreġistrati”.


L-Utenti Rreġistrati għandhom jiggarantixxu li l-informazzjoni kollha mogħtija fil-formola tar-reġistrazzjoni tkun preċiża, aġġornata u veritiera u li ma tkun ivvizzjata b’ebda tagħrif qarrieq.


Huma għandhom jintrabtu li jaġġornaw din l-informazzjoni fl-Ispazju Personali tagħhom billi jiktbu lil Make.org b’email fuq contact@Make.org.


L-Utent Irreġistrat għandu jkun infurmat u jaqbel li l-informazzjoni mdaħħla għall-fini tal-ħolqien jew tal-aġġornament tal-Kont tiegħu hija prova tal-identità tiegħu. L-informazzjoni mdaħħla mill-Utent torbtu f’dan is-sens malli tiġi vvalidata.

5.3 Kont u Spazju Personali

Ir-reġistrazzjoni tinvolvi b’mod awtomatiku l-ftuħ ta’ kont (minn hawn ’il quddiem: “il-Kont”), li jagħti aċċess għal spazju personali (minn hawn ’il quddiem “l-Ispazju Personali”) li jippermetti l-ġestjoni tal-użu tas-Servizzi f’forma partikulari u skont il-mezzi tekniċi li Make.org tqis bħala l-aktar xierqa. Dawn jistgħu jevolvu maż-żmien.


L-Utenti Rreġistrati jistgħu jaċċessaw l-Ispazju Personali tagħhom fi kwalunkwe ħin wara li jidentifikaw ruħhom bil-login u bil-password tagħhom.


L-Utenti Rreġistrati jintrabtu li jużaw biss is-Servizzi personalment u li ma jippermettu lil ebda parti terza li tużahom minflokhom jew f’isimhom, sakemm ma jerfgħux ir-responsabbiltà sħiħa għalihom.


L-Utenti Rreġistrati għandhom ukoll ir- responsabbiltà li jżommu l-kunfidenzjalità tal-username u tal-password tagħhom. Huma għandhom jikkuntattjaw minnufih lil Make.org kemm-il darba jinnotaw li l-Kont tagħhom ikun intuża mingħajr l-għarfien tagħhom. Huma għandhom jifhmu d-dritt ta’ Make.org li tieħu l-miżuri xierqa kollha f’każi bħal dawn.


5.4 Il-veraċità tal-informazzjoni pprovduta u s-serq tal-identità

L-Utenti għandhom jaffermaw il-veraċità u l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa permezz tas-Servizzi. F’ebda każ ma għandu jirriżulta li din l-informazzjoni tkun qarrieqa, falza jew żbaljata jew li aktarx twassal għal malintiż.


Make.org tfakkar li skont l-Artikolu 226-4-1 tal-Kodiċi Penali: “Is-serq tal-identità ta’ parti terza jew l-użu ta’ data waħda jew aktar ta’ kull xorta li tippermetti li din tiġi identifikata u li tiddisturba l-paċi tagħha jew dik ta’ oħrajn, jew li timmina l-unur jew l-istima tagħha, huma punibbli b’sena ħabs u b’multa ta’ EUR 15,000.


Dan ir-reat huwa punibbli bl-istess pieni meta jitwettaq fuq netwerk ta’ komunikazzjoni pubbliku online.”


Kwalunkwe Utent issuspettat b’serq jew b’tentattiv ta’ serq ta’ identità jista’ jiġi sospiż jew imċaħħad milli jaċċessa s-Servizz, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dannu u interess possibbli li tista’ tinvoka Make.org.

6.0 DESKRIZZJONI TAS-SERVIZZI

6.1 Proposti tas-Soċjetà Ċivili

Il-pjattaforma toffri lill-Utenti l-possibbiltà li jivvotaw dwar Proposti tas-Soċjetà Ċivili li jkunu tressqu minn Utenti oħra.


Il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili li jsiru fuq Make.org kollha għandhom l-istess ċans li jittieħdu azzjonijiet dwarhom.


Huwa proprju permezz tal-vot tiegħu li utent jista’ jagħmilha possibbli li proposta ssir Azzjoni tas-Soċjetà Ċivili li Make.org timpenja ruħha dwarha.


Make.org tqis ir-rwol tagħha bħala intermedjarja bejn il-proposti taċ-ċittadini u s-sħab tagħha fl-azzjoni. (Ara 6.8 Is-Sħab fl-Azzjoni)


6.2 It-tfassil ta’ Proposta tas-Soċjetà Ċivili

L-Utenti Rreġistrati jistgħu jressqu l-Proposti tas-Soċjetà tas-Soċjetà Ċivili tagħhom biex jiġu ppubblikati, ikkummentati, analizzati u diskussi, u biex jitressqu għall-vot tal-Utenti.


6.3 Il-forma u l-kontenut tal-Proposti tas-Soċjetà Ċivili

Kull Proposta tas-Soċjetà Ċivili għandha tibda b’“Jenħtieġ” u jkun fiha massimu ta’ 140 karattru. Il-Proposta tas-Soċjetà Ċivili għandha tkun tista’ tinqara u miktuba bil-Malti, f’forma li tista’ tinftiehem minn kulħadd, mingħajr lingwa mqassra u mingħajr abbuż mill-ittri kapitali.


Il-proposti m’għandux ikun fihom elementi li jmorru kontra l-liġi u l-moralità u t-termini tagħhom ma għandhomx jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Użu.

6.4 Il-moderazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-Proposta tas-Soċjetà Ċivili

Il-pubblikazzjoni tal-Proposta tas-Soċjetà Ċivili tal-Utent hija soġġetta għal moderazzjoni skont il-kundizzjonijiet iddefiniti f’dawn il-KĠU. It-talba għall-pubblikazzjoni ta’ Proposta tas-Soċjetà Ċivili tiġi ttrattata malajr kemm jista’ jkun mit-timijiet ta’ Make.org, bil-ħsieb li tingħata tweġiba f’inqas minn 48 siegħa.


Is-servizz tal-moderazzjoni ta’ Make.org jifli kull Proposta tas-Soċjetà Ċivili li jkun irċieva qabel ma jippubblikaha online. Għaldaqstant, l-Utent għandu jiżgura li ma jibgħatx l-istess Proposta tas-Soċjetà Ċivili darbtejn. Lanqas ma għandu jispammja lis-Servizzi billi jipproponi l-istess Soluzzjonijiet b’indirizzi elettroniċi differenti.


Malli l-Proposta tas-Soċjetà Ċivili tal-Utent tiġi vvalidata, din tiġi ppubblikata fuq is-Servizz u jintbagħat avviż dwar il-pubblikazzjoni tagħha lill-awtur.


F’każ ta’ ċaħda tal-Proposta tas-Soċjetà Ċivili tal-Utent, tintbagħat email lill-awtur minn Make.org biex tinfurmah biċ-ċaħda. L-Utent jista’ mbagħad iressaq Proposta tas-Soċjetà Ċivili ġdida.


Ladarba tiġi ppubblikata fuq is-Servizz, din tkun tista’ tintwera fuq is-Servizzi, iżda Make.org ma tiggarantix il-frekwenza tad-dehra jew l-udjenza tagħha.


Make.org tintrabat li ma timmodifikax b’mod arbitrarju l-kontenut leċitu u li tikkonforma mar-regoli tal-moderazzjoni tagħha, għajr kwalunkwe korrezzjoni ortografika possibbli.


6.5 Talba għat-tħassir ta’ Proposta tas-Soċjetà Ċivili minn Utent irreġistrat

F’każ li Utent Irreġistrat ikun jixtieq li l-Proposta tas-Soċjetà Ċivili tiegħu titħassar, għandu jibgħat email bit-talba tiegħu lil Make.org fuq l-indirizz li ġej: contact@Make.org.


It-talba għat-tħassir mill-Utent tiġi ttrattata fi żmien raġonevoli minn Make.org.


6.6 Il-votazzjoni fuq Proposta tas-Soċjetà Ċivili

L-utenti kollha jistgħu jesprimu ruħhom permezz ta’ vot dwar proposti tas-soċjetà ċivili mressqa fuq is-Sit mingħajr ma jkunu meħtieġa joħolqu kont billi jagħfsu fuq il-buttuni “Naqbel”, “Ma naqbilx” jew “Nastjeni”.

6.7 L-użu tal-Proposti tas-Soċjetà Ċivili

Użu għal finijiet ta’ statistika. Make.org tista’ tuża l-Proposti tas-Soċjetà Ċivili, miġbura flimkien jew le u mingħajr ebda data personali, inkluż f’ġabriet, f’sommarji għal finijiet statistiċi u fi studji jew għal kwalunkwe skop ieħor.


L-użu għal dibattiti. Il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili ppubblikati fuq is-Servizz jistgħu jintgħażlu minn Make.org sabiex jiġu analizzati, ikkummenti u/jew diskussi waqt dibattiti pubbliċi organizzati minn Make.org jew mis-sħab tagħha.


L-użu għal finijiet ta’ rappurtar u ta’ studji. Il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili ppubblikati fuq is-Servizz, kif ukoll il-voti relatati magħhom, jistgħu jintgħażlu minn Make.org sabiex jitwettqu eżerċizzji ta’ analiżi, rapporti u studji għal finijiet ta’ statistika u ta’ riċerka jew biex jingħata lok għall-ħolqien ta’ proġetti ta’ riforma.


Il-pubblikazzjoni ta’ white papers. Make.org tista’ tippubblika, b’mod konġunt jew le u għall-finjiet mhux kummerċjali, white papers li fihom tinkludi parzjalment jew kompletament il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili.


L-użu editorjali. Il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili kif ukoll il-voti relatati jistgħu wkoll jiġu użati, ikkummentati u analizzati minn Make.org u/jew minn ġurnalisti sħab għall-produzzjoni ta’ kontenut editorjali.


L-użu għal finijiet ta’ komunikazzjoni. Il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili jistgħu jintużaw ukoll minn Make.org fuq is-Sit u jintwerew fuq spazji pubbliċitarji użati mis-sħab ta’ Make.org. F’dan il-każ, l-użu ta’ Proposta tas-Soċjetà Ċivili fuq dawn l-ispazji pubbliċitarji jagħti lok għall-pubblikazzjoni tal-Proposta b’mod anonimu (jekk tkun ġiet ippubblikata b’dan il-mod) jew bl-isem, l-età u d-département jekk l-utent ikun daħħal din l-informazzjoni.


It-twettiq tal-Proposti tas-Soċjetà Ċivili. Finalment, il-proposti jistgħu jwasslu għal azzjoni ta’ trasformazzjoni konkreta, jew direttament mill-Utenti jew permezz tas-sħab fl-azzjoni ta’ Make.org, kemm mill-Utent li jkun bagħat il-Proposta kif ukoll mill-Utenti li jkunu vvotaw dwarha, dment li huma jifhmu u jaqblu ma’ dan espressament.


6.8 Azzjonijiet mis-Sħab tagħna

Make.org ser timmobilizza l-atturi tas-soċjetà ċivili (intrapriżi, assoċjazzjonijiet, NGOs) biex jieħdu f’idejhom l-aktar proposti appoġġati bil-qawwi fuq il-pjattaforma u jagħmluhom realtà.


Fi kwalunkwe ħin u mingħajr ma Make.org tavviċinahom b’mod sistematiku, dawn is-sħab ser ikunu jistgħu jaqbdu minn jeddhom kwalunkwe proposta preżenti fl-“Ispazju Azzjoni”, sabiex imbagħad jimplimentawha.


Make.org tqis ir-rwol tagħha bħala intermedjarja bejn il-proposti taċ-ċittadini u s-sħab tagħha fl-azzjoni.


Make.org imbagħad tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kopertura tagħhom fil-mezzi tal-midja.

7.0 PROVA

L-Utent jifhem u jaqbel espressament:


li d-data miġbura fuq is-sit web u fuq it-tagħmir informatiku ta’ Make.org hija prova tar-realtà tal-operazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tagħhom;

li din id-data tikkostitwixxi l-uniku mod ta’ prova aċċettat bejn il-partijiet.


8.0 L-OBBLIGI TAL-UTENT

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra previsti hawnhekk, l-Utent għandu jintrabat li jirrispetta l-obbligi li ġejjin:


8.1 Konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti

L-Utent għandu jaqbel, fl-użu tiegħu tas-Servizzi, li jirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ u li ma jiksirx id-drittijiet ta’ partijiet terzi jew l-ordni pubbliku. B’mod partikulari huwa l-uniku responsabbli mit-twettiq xieraq tal-formalitajiet kollha, inklużi dawk amministrattivi, fiskali u/jew soċjali, u mill-ħlasijiet kollha ta’ kontribuzzjonijiet jew imposti ta’ kull xorta li jsejħu lilu, fejn xieraq, fir-rigward tal-użu tiegħu tas-Servizzi. Make.org f’ebda każ ma għandha tinżamm responsabbli f’dan ir-rigward.

8.2 Użu tas-Sit Web u tas-Servizzi

L-Utent jirrikonoxxi li qara fuq is-sit web il-karatteristiċi u l-limiti, b’mod partikulari dawk tekniċi, tas-Servizzi kollha. Huwa l-uniku responsabbli mill-użu tiegħu tas-Servizzi.


L-Utent huwa infurmat u jaċċetta li l-funzjonament tas-Servizzi jeħtieġ li huwa jkun imqabbad mal-internet u li l-kwalità tas-Servizzi tiddependi direttament mill-konnessjoni tiegħu, li huwa l-uniku responsabbli minnha.


L-Utent jintrabat li ma jippubblikax proposti ta’ natura pubbliċitarja jew li jippromwovu servizzi bi skop ta’ lukru. L-Utent jaqbel li ma jippubblikax proposti li jkunu nieqsa mis-serjetà jew barra mis-suġġett. L-Utent jintrabat li juża s-Servizzi b’mod strettament personali. Għaldaqsant ma għandux jassenja, jikkonċedi jew jittrasferixxi d-drittijiet jew l-obbligi tiegħu, kollha jew parti minnhom, lil kwalunkwe parti terza bi kwalunkwe mod.


L-Utent jintrabat li ma jippubblikax proposti, li jippromwovu jew jiddisprezzaw partijiet, organizzazzjonijiet jew figuri pubbliċi.


L-Utent huwa wkoll l-uniku responsabbli mir-relazzjonijiet li jista’ jistabbilixxi mal-Utenti l-oħra u mill-informazzjoni li jikkomunika lilhom fl-ambitu tas-Servizzi. Huwa f’idejh li jeżerċita l-prudenza u d-dixxerniment xierqa f’dawn ir-relazzjonijiet u komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, l-Utent jintrabat fl-iskambji tiegħu ma’ Utenti oħra li jirrispetta r-regoli standard tal-pulitezza u tal-korteżija.


L-Utent jintrabat li ma jgħaddi ebda kumment jew jagħmel proposti li jmorru kontra l-liġi u l-moralità u b’mod partikulari iżda mhux biss:


kummenti li jinċitaw il-mibegħda razzjali, kummenti razzisti, anti-Semitiċi, ksenofobiċi, omofobiċi eċċ.;

kummenti ta’ natura vjolenti, pornografika, pedofila, eċċ.;

kummenti offensivi, dispreġjattivi, malafamanti jew li jiksru d-drittijiet tal-personalità ta’ partijiet terzi;

kummenti li jiċħdu reati kontra l-umanità u ġenoċidji rikonoxxuti u apoloġiji għal reati;

kummenti li jinċitaw it-twettiq ta’ atti punibbli mil-liġi bħall-inċitament tat-twettiq ta’ atti vjolenti u terroristiċi u l-bejgħ ta’ prodotti narkotiċi, eċċ.;

kummenti li jiksru l-privatezza jew id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi,

kummenti li jimminaw il-preżunzjoni tal-innoċenza jew is-segretezza f’inkjesti ġudizzjarji, eċċ.;

kummenti li jiksru d-dinjità tal-bniedem;

kummenti li jistgħu jitqiesu bħala abbuż tal-libertà tal-espressjoni.

8.3 Relazzjoni ma’ Make.org

L-Utent jintrabat li jipprovdi lil Make.org l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq xieraq tas-Servizzi. B’mod aktar ġenerali, l-Utent jintrabat li jikkopera b’mod attiv ma’ Make.org fir-rigward tat-twettiq xieraq tagħhom.


L-Utent jintrabat li jfassal il-proposti tiegħu skont ir-regoli dwar l-indiċjar, l-ifformatjar u r-reqqa ta’ Make.org, bħala pubblikatur tas-Servizz.

9.0 GARANZIJI TAL-UTENT

9.1 Kontenut

L-Utent huwa l-uniku responsabbli mill-kontenut ta’ kwalunkwe tip (editorjali, grafiku, awdjoviżiv jew ta’ tip ieħor, inkluż l-isem u/jew l-immaġni magħżula mill-Utent biex jiġi identifikat fuq is-sit web) li jxandar fl-ambitu tas-Servizzi (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kontenut”).


Huwa jiggarantixxi lil Make.org li jkollu d-drittijiet u l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa għax-xandir ta’ dan il-Kontenut.


Huwa jintrabat li l-Kontenut imsemmi jkun leċitu, ma jiksirx l-ordni pubbliku, il-moralità jew id-drittijiet ta’ partijiet terzi, ma jikser ebda dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja u b’mod aktar ġenerali, b’ebda mod ma jkun probabbli li jpoġġi f’periklu r-responsabbiltà ċivili jew penali ta’ Make.org.


L-Utent għandu jevita li jxandar, b’mod partikulari iżda mhux biss:


Kontenut pornografiku, oxxen, indiċenti, insolenti jew mhux xieraq għal udjenza familjali, malafamanti, abbużiv, vjolenti, razzist, ksenofobiku jew reviżjonist,

Kontenut iffalsifikat,

Kontenut li jippreġudika l-immaġni ta’ parti terza,

Kontenut qarrieqi, falz jew li jipproponi jew jippromwovi attivitajiet illegali, frodulenti jew qarrieqa,

Kontenut li jikkaġuna ħsara fis-sistemi informatiċi ta’ partijiet terzi (fosthom vajrusis, worms, żwiemel trojans, eċċ.),

u b’mod aktar ġenerali Kontenut li jista’ jikser id-drittijiet ta’ partijiet terzi jew li jkun ta’ preġudizzju għal partijiet terzi, bi kwalunkwe mod u fi kwalunkwe forma.

9.2 Limitu fuq l-użu tas-Servizzi

L-Utent jifhem li s-Servizzi joffrulu soluzzjoni addizzjonali iżda mhux alternattiva għall-mezzi li diġà juża xi mkien ieħor biex jilħaq l-istess għan u li din is-soluzzjoni ma tistax titqies bħala sostituta għal dawn il-mezzi l-oħra.


L-Utent għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jaħżen bil-mezzi tiegħu stess l-informazzjoni tal-Ispazju Personali tiegħu li jqis li tkun meħtieġa.


L-Utent huwa infurmat u jaċċetta li l-funzjonament tas-Servizzi jeħtieġ li huwa jkun imqabbad mal-internet u li l-kwalità tas-Servizzi tiddependi direttament mill-konnessjoni tiegħu, li huwa l-uniku responsabbli minnha.

9.3 Ilmenti u kumpens

L-Utent jaqbel li ma jressaq ebda ilment, azzjoni jew pretensjoni kontra Make.org minħabba ksur mill-Utent ta’ xi obbligu jew garanzija tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali.


Huwa jintrabat li jikkumpensa lil Make.org għal kwalunkwe telf li tista’ ġġarrab u li jħallas lilha l-ispejjeż, l-akkużi u/jew il-kundanni kollha li jista’ jkollha ssofri kaġun ta’ dan.

10.0 IMĠIBA PPROJBITA

Huwa strettament projbit li jintużaw is-Servizzi għall-finijiet li ġejjin:


it-twettiq ta’ attivitajiet illegali, frodulenti jew li jiksru d-drittijiet jew is-sigurtà ta’ partijiet terzi,

il-ksur tal-ordni pubbliku jew il-ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti fis-seħħ,

l-intrużjoni fis-sistema informatika ta’ parti terza jew kwalunkwe attività li tikkaġuna ħsara, tikkontrolla, tinterċetta jew tinterferixxi mas-sistema informatika, sħiħa jew parti minnha, ta’ parti terza, billi tikser l-integrità jew is-sigurtà tagħha,

emails mhux mitluba u/jew ta’ promozzjoni jew reklamar kummerċjali,

manipulazzjonijiet maħsuba biex isaħħu r-referenzjar ta’ sit web ta’ parti terza,

l-assistenza jew l-inċitament, fi kwalunkwe forma jew mod, għal wieħed jew aktar mill-atti u mill-attivitajiet deskritti hawn fuq,

u b’mod aktar ġenerali kull prattika li tiddevja s-Servizzi għal finijiet oħra barra dawk li nħasbu għalihom.

L-Utenti huma strettament ipprojbiti milli jikkupjaw u/jew jiddevjaw għall-finijiet tagħhom jew ta’ partijiet terzi l-kunċett, it-teknoloġiji jew kwalunkwe element ieħor tas-sit web ta’ Make.org.


Huma pprojbiti strettament ukoll: (i) kwalunkwe imġiba li tinterrompi, tissospendi, tnaqqas ir-ritmu jew twaqqaf il-kontinwità tas-Servizzi, (ii) kwalunkwe intrużjoni jew tentattiv ta’ intrużjonijiet fis-sistemi ta’ Make.org, (iii) kwalunkwe ddevjar tar-riżorsi tas-sistema tas-sit, (iv) kwalunkwe azzjoni li timponi piż sproporzjonat fuq l-infrastrutturi ta’ dan tal-aħħar, (v) kwalunkwe ksur tal-miżuri ta’ sigurtà u ta’ awtentikazzjoni, (vi) kull att li jimmina d-drittijiet jew l-interessi finanzjarji, kummerċjali jew morali ta’ Make.org jew tal-utenti tas-sit tagħha, u fl-aħħar b’mod aktar ġenerali (vii) kwalunkwe ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali.


Huwa strettament ipprojbit li jsiru flus, bejgħ jew konċessjonijiet tal-aċċess, kollu jew parti minnu, għas-Servizzi jew għas-sit, kif ukoll għall-informazzjoni li tkun iħħostjata u/jew kondiviża fih.


11.0 LIMITAZZJONIJIET TAL-GARANZIJA TA’ MAKE.ORG

11.1 Il-kwalità tas-servizz

Make.org ma tistax tagħti l-garanzija li s-Servizz ma jiġi qatt interrott b’ebda mod. Make.org tintrabat li tipprovdi s-Servizz b’diliġenza u skont ir-regoli tal-prattika tajba, filwaqt li tfakkar li dan ifisser biss l-obbligazzjoni ta’ mezzi, li l-Utenti jifhmu u jaċċettaw espressament.


Make.org tintrabat li twettaq kontrolli regolari sabiex tivverifika l-funzjonament u l-aċċessibbiltà tas-sit web. Għal dan il-għan, Make.org tirriżerva d-dritt li tissospendi b’mod temporanju l-aċċess għas-sit għal raġunijiet ta’ manutenzjoni. Bl-istess mod, Make.org ma tistax tinżamm responsabbli minn diffikultajiet jew impossibbiltajiet temporanji fl-aċċess għas-sit minħabba ċirkostanzi esterni, force majeure, jew minħabba disturbi fin-netwerks tat-telekomunikazzjoni.


Make.org ma tiggarantix lill-Utenti (i) li s-Servizzi, minkejja li huma soġġetti għal riċerka kontinwa biex tittejjeb il-prestazzjoni u l-progress tagħhom, ser ikunu kompletament ħielsa minn żbalji, vizzji jew difetti, (ii) li s-Servizzi, li huma standard u mhux proposti għall-iskop waħdieni ta’ xi Utent partikulari skont il-limiti personali tiegħu, ser jissodisfaw speċifikament il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tiegħu.

11.2 Kontenut

Għalkemm is-Servizzi huma soġġetti għal moderazzjoni, Make.org ma tistax tinżamm responsabbli mill-Kontenut, li l-awturi tiegħu huma partijiet terzi. Kwalunkwe ilment possibbli għandu jsir qabelxejn lill-awtur tal-Kontenut inkwistjoni.


Kontenut li jkun ta’ ħsara għal xi parti terza jista’ jiġi nnotifikat lil Make.org skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 I 5 tal-Liġi nru 2004-575 tal-21 ta’ Ġunju 2004 dwar il-kunfidenza fl-ekonomija diġitali. Make.org tirriżerva d-dritt li tieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 12.


11.3 Telf ta’ informazzjoni

Ġaladarba s-servizz huwa pprovdut bla ħlas, Make.org ma taċċetta ebda responsabbiltà f’każ ta’ telf possibbli ta’ informazzjoni aċċessibbli fl-Ispazju Personali tal-Utent. Huwa għandu jaħżen kopja tagħha u ma għandu jkun eleġibbli għal ebda kumpens f’dan ir-rigward.

11.4 Danni

Fi kwalunkwe każ, ir-responsabbiltà li tista’ tinġarr minn Make.org skont dawn il-kundizzjonijiet hija espressament limitata biss għal danni diretti ppruvati li jkun ġarrab l-Utent.


12.0 PROPRJETÀ INTELLETTWALI

12.1 Proprjetà ta’ Make.org

Make.org ma għandha ebda pretensjoni ta’ sjieda tad-Data u tal-Kontenut ipprovduti mill-Utenti.


Is-sistemi, is-softwer, l-istrutturi, l-infrastrutturi, il-bażijiet tad-data u l-kontenut ta’ kwalunkwe tip (testi, immaġnijiet, elementi viżivi, mużika, logos, marki, bażijiet tad-data, eċċ.) użati minn Make.org fis-sit web huma protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha u mid-drittijiet tal-produtturi tal-bażijiet tad-data kollha fis-seħħ.


Kwalunkwe riproduzzjoni, rappreżentazzjoni, pubblikazzjoni, trażmissjoni jew, b’mod aktar ġenerali, kwalunkwe sfruttament mhux awtorizzat tas-Servizz, kollu jew parti minnu, u tal-informazzjoni li jkun hemm fih, li jitwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa ta’ Make.org, timplika r-responsabbiltà tal-Utent.


Kwalunkwe qtugħ, tneħħija, miżinterpretazzjoni, estrazzjoni, użu mill-ġdid, kopja u b’mod aktar ġenerali, l-atti kollha ta’ riproduzzjoni, rappreżentazzjoni, xandir u użu ta’ xi wieħed minn dawn l-elementi, b’mod sħiħ jew parzjali, li jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ Make.org, huma strettament ipprojbiti u jistgħu jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni.


12.2 Sjieda tal-Proposti tas-Soċjetà Ċivili

Il-Proposti tas-Soċjetà Ċivili nfushom huma proprjetà tal-awturi tagħhom, li jikkonċedu lil Make.org liċenzja għall-użu mhux esklussiva, trasferibbli u bla ħlas, għal Franza u għad-dinja kollha, għal kwalunkwe użu online u għal kwalunkwe mezz ta’ xandir, matul il-validità ta’ dawn il-KUĠ u għall-użi kollha maħsuba għalihom.

13.0 ĦOLOQ U SITI WEB TA’ PARTIJIET TERZI

Make.org ma tista’ f’ebda każ tinżamm responsabbli mid-disponibbiltà teknika ta’ siti web jew ta’ applikazzjonijiet mobbli użati minn partijiet terzi (inklużi s-sħab potenzjali tagħha) li l-Utent jaċċessa permezz tas-sit web.


Make.org ma ġġorr ebda responsabbiltà mill-kontenut, mir-reklamar, mill-prodotti u/jew mis-servizzi disponibbli fuq tali siti terzi u applikazzjonijiet mobbli terzi. Fir-rigward tagħhom tfakkar li dawn huma rregolati mill-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom stess.


Make.org mhijiex responsabbli lanqas mit-tranżazzjonijiet bejn l-Utent u kwalunkwe reklamatur, professjonist jew negozjant (inklużi s-sħab potenzjali tagħha) li jkun iggwidat lejh l-Utent permezz tas-sit u b’ebda mod mhi ser tkun parti fi kwalunkwe tilwim potenzjali ma’ dawn il-partijiet terzi rigward, b’mod partikulari, il-kunsinna ta’ prodotti u/jew servizzi, il-garanziji, id-dikjarazzjonijiet u kwalunkwe obbligu ieħor li għalihom ikunu soġġetti tali partijiet terzi.


14.0 SANZJONIJIET U TERMINAZZJONI

F’każ ta’ ksur ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jew b’mod aktar ġenerali, ta’ ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti fis-seħħ minn Utent, Make.org tirriżerva d-dritt li tieħu kwalunkwe miżura xierqa, fosthom li:


tissospendi jew ittemm l-aċċess għas-Servizzi tal-Utent, l-awtur tal-ksur jew tar-reat, u l-parteċipazzjoni tiegħu fihom,

tħassar kwalunkwe kontenut ippubblikat fuq is-sit web,

tippubblika fuq is-sit kwalunkwe messaġġ ta’ informazzjoni li Make.org tqis li jkun utli,

tinnotifika kwalunkwe awtorità relevanti,

tibda kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja.

B’mod ġenerali, f’każ li l-Utent jikser l-obbligi

previsti f’dawn il-kundizzjonijiet ġenerali u/jew f’każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe liġi jew regolament applikabbli, Make.org tista’ tittermina lill-Utent dawn il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Użu ipso jure u mingħajr avviż jew formalità.


It-terminazzjoni ta’ dawn il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Użu tirriżulta fit-terminazzjoni tal-aċċess għas-Servizzi għall-Utent inkwistjoni, kif ukoll fit-tħassir tad-data u tal-kontenut tagħha. L-Utent jiġi mbagħad infurmat bit-terminazzjoni permezz ta’ email, fuq l-indirizz li jkun daħħal meta rreġistra. It-terminazzjoni sseħħ mingħajr preġudizzju għad-danni u għall-interessi li tista’ titlob Make.org bħala kumpens għad-danni possibbilment imġarrba minħabba n-nuqqasijiet imputati lill-Utent. Make.org tista’ sussegwentement tirrifjuta lill-Utent il-ħolqien ta’ kont ġdid fuq is-Servizz.


Peress li s-Servizzi huma bla ħlas, Make.org tista’ tħassar fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż, minħabba kwalunkwe raġuni, temporanjament jew permanentement, il-pubblikazzjoni ta’ Proposta tas-Soċjetà Ċivili.


Bl-istess mod, peress li s-Servizzi huma bla ħlas, Make.org tista’ fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż, minħabba kwalunkwe raġuni, temporanjament jew permanentement, tipproċedi għall-modifika jew għas-sospensjoni parzjali jew totali tas-Servizzi.


Ebda terminazzjoni, interruzzjoni, modifika jew sospensjoni tas-Servizzi ma tagħti dritt għall-kumpens lill-Utent.

15.0 DURATA TAS-SERVIZZI, DEREĠISTRAZZJONI

Ir-reġistrazzjoni mas-Servizzi ssir għal perjodu indefinit.


L-Utent Irreġistrat jista’ jiddereġistra mis-Servizzi fi kwalunkwe ħin, billi jibgħat talba għal dan il-għan b’email lil Make.org fuq contact@make.org


Id-dereġistrazzjoni ssir effettiva b’mod immedjat. Din tirriżulta fit-tħassir awtomatiku tal-Kont tal-Utent Irreġistrat u tal-Proposti tiegħu.

16.0 MODIFIKI

Make.org tirriżerva d-dritt li timmodifika fi kwalunkwe ħin dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu.


L-Utent jiġi infurmat b’dawn il-modifiki bi kwalunkwe mezz utli.


L-Utent li ma jaċċettax il-kundizzjonijiet ġenerali mmodifikati għandu jiddereġistra mis-Servizzi skont il-modalitajiet previsti f’dawn il-KĠU.


Kull Utent li juża s-Servizzi wara d-dħul fis-seħħ tal-kundizzjonijiet ġenerali mmodifikati jitqies li jkun aċċetta dawn il-modifiki.

17.0 INTEGRITÀ

Jekk waħda jew aktar mill-istipulazzjonijiet ta’ dawn il-KĠU jitqiesu nulli b’liġi jew b’regolament, jew iddikjarati bħala tali b’deċiżjoni finali ta’ qorti kompetenti, dawn jitqiesu bħala mhux miktuba. L-istipulazzjonijiet l-oħra ta’ dawn il-KĠU jibqgħu fis-seħħ waqt li jżommu s-saħħa u l-portata tagħhom sa fejn dan ikun possibbli, filwaqt li l-Partijiet jintrabtu, kif ikun meħtieġ, li jersqu lejn xulxin biex jibdlu l-klawsola nulla bi klawżola valida li tkun kemm jista’ jkun viċin fl-ispirtu ta’ dik li tkun ser tissostitwixxi.

18.0 NON-RINUNZJA

Il-fatt li f’xi mument speċifiku waħda mill-Partijiet ma tagħmilx użu minn xi waħda minn dawn l-istipulazzjonijiet m’għandux jiġi interpretat jew ikkunsidrat bħala rinunzja għad-drittijiet tagħha fir-rigward tagħhom, m’għandu jaffettwa b’ebda mod il-validità ta’ dawn l-istipulazzjonijiet kollha jew ta’ parti minnhom u ma għandux jikser id-drittijiet tal-Parti kkonċernata li taġixxi abbażi tagħhom.


Ebda Parti ma titqies li rrinunzjat għal kwalunkwe dritt miksub skont it-termini tal-Kuntratt, sakemm ma tkunx għamlet rinunzja bil-miktub u ffirmata.

19.0 FORCE MAJEURE

Kwalunkwe avveniment imprevedibbli, irreżistibbli u estern għall-Partijiet bħal (iżda mhux biss) atti ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu, atti kriminali, irvellijiet, diżastri naturali jew industrijali, splużjonijiet, rekwiżiti legali u dispożizzjonijiet oħra ta’ ordni leġiżlattiva jew regolatorja li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-attività ta’ Make.org, id-disturbi fin-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jiżvolġu lil hinn mill-kontroll ta’ Make.org, eċċ., għandhom jitqiesu bħala każ ta’ force majeure. F’każ ta’ force majeure, Make.org jista’ jkollha tissospendi s-Servizz. L-effetti tal-kuntratt f’dak il-każ jiġu sospiżi u jkunu jistgħu jerġgħu jibdew wara tmien il-każ ta’ force majeure għall-bqija tal-perjodu tal-kuntratt.

Dawn jistgħu wkoll jibqgħu sospiżi.

20.0 LINGWA

F’każ ta’ traduzzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet f’lingwa waħda jew aktar, il-lingwa tal-interpretazzjoni tkun il-lingwa Franċiża f’każ ta’ kontradizzjoni jew ta’ tilwima dwar it-tifsira ta’ terminu jew ta’ dispożizzjoni.

21.0 LIĠI APPLIKABBLI U ĠURISDIZZJONI

Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali huma rregolati mil-liġi Franċiża.


Fil-każ ta’ xi tilwima dwar il-validità, l-interpretazzjoni u/jew it-twettiq ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, il-partijiet jaqblu li l-qrati ta’ Pariġi għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklussiva biex jiġġudikawhom, ħlief f’każi ta’ regoli ta’ proċedura obbligatorji kuntrarji.

22.0 DĦUL FIS-SEĦĦ

Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali daħlu fis-seħħ fil-31/10/2017.